|
Ghal darb’oħra bdejna sena ġdida bi problemi qodma… problemi li aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar qegħdin jaggravaw!
Fuq fuq se nsemmi xi toroq li kont għamilt il-kampanja bieb bieb tiegħi fihom xi żmien ilu u erġajt għaddejt minnhom dan l-aħħar u għadhom mhux magħmulin s’issa. Ovvjament, ma rridx nagħti xi impressjoni li dawn huma l-uniċi toroq ħżiena fuq id-distrett, ħalli l-ebda residenti ma jaħsbu li tħallew barra, iżda dawn huma dawk li għaddejt minnhom riċentement.
It-toroq li qed nirreferi għalihom huma: Triq il-Forġa (parti minn) u Triq il-Mazza fin-Naxxar; Triq Porzjunkola f’San Pawl il-Baħar (wiċċ skedat li għadu ma sarx); Triq il-Ħtajriet fil-Mosta; u Triq Busewdien fil-Wardija.
Qed nerġa’ nsemmi dawn it-toroq speċifikament għax diġà appellajt dwarhom. M’humiex xi toroq jew partijiet minn toroq twal, iżda huma totalment abbandunati. Mhux ta’ b’xejn meta ħabbatt fuq bieb partikolari, ħarġet persuna li ma riditx tilqagħni minħabba l-istat tat-triq u qaltli li qabel ma tissewwa mhi se tkellem lil ħadd. Iżda t-traskuraġni fit-toroq mhix biss fl-uċuh tagħhom. Ilmenti oħra dwar toroq minn residenti huma dawk fejn ġie konċess spazju għal parkeġġ għal persuni bi bżonnijiet speċjali meta m’hemm l-ebda persuni b’diżabilità joqogħdu f’dik id-dar u spazju ta’ parkeġġ għal vettura waħda biss immarkat (1 Vehicle).
Wieħed jistaqsi: Jeżisti xi tip ta’ kontroll fuq kif qegħdin jingħataw l-ispazji ta’ parkeġġi, speċjalment ta’ persuni b’diżabilità?
Min-naħa l-oħra, ilment ieħor li daħalli mil-lokalità ta’ San Pawl huwa dak ta’ persuna li toqgħod fi Triq Giuseppe Despott fejn ilu li applika biex isirlu spazju għal parkeġġ għal persuni b’diżabilità aktar minn tliet xhur. Minkejja li din il-persuna hi verament bi bżonnijiet speċjali u ġiet imwegħda diversi drabi li se jingħatalha dan il-parkeġġ, dan qatt ma seħħ attwalment.
Residenta oħra minn San Pawl il-Bahar ilmentat dwar il-fatt li toroq, bħalma hija Triq l-Iskuna, qegħdin isiru wisq perikolużi minħabba sewqan eċċessiv ta’ min jużahom. Il-persuna talbet għal ‘sleeping policemen’ li qatt ma saru. Wieħed ma jrid qatt jinsa li toroq li fiż-żmien kienu jintużaw biss fis-sajf issa saru miżgħudin b’residenti regolari li mhux talli joqogħdu hemm huma, imma talli għandhom tfal żgħar tagħhom li bil-mod il-mod qegħdin jikbru. Ilmenti oħrajn dwar ‘sleeping policemen’ saru għal Triq Burmarrad, għat-triq ta’ ħdejn it-Technopark fil-Mosta biex taqsam Vjal il-Labour għal Triq il-Belt, kif ukoll għal Triq San Pawl, f’San Pawl il-Baħar, biswit il-“Palazzo Pescatore”.
Ħafna drabi r-residenti qegħdin jaraw aċċidenti tat-traffiku jseħħu quddiem għajnejhom u jħossuhom inkapaċi li jagħmlu xi ħaġa dwar dan għax il-kunsilli rispettivi jew l-awtoritajiet ma jagħtux widen għas-suġġerimenti tagħhom.
Ir-residenti huma wkoll konxji mid-dħaħen li qegħdin ikollhom jissaportu minħabba traffiku eċċessiv. Fil-fatt ir-residenti jilmentaw ukoll dwar il-fatt li ċertu ħolqien ta’ ‘one ways’ qed joħloq traffiku eċċessiv fuq toroq partikolari oħrajn. Tali triq hija Triq il-Qalb ta’ Ġesù fejn residenti ilmentawli dwar l-ammont ta’ trab, duħħan u anke ħsejjes, li jkollhom jgħixu kuljum bihom u l-bidla kbira li seħħet minn dak li l-istess triq kienet qabel u saret issa.
Rigward l-indafa fit-toroq wieħed ukoll isib qatiegħ x’jikkritika. Fil-lokalità ta’ San Pawl, li hija lokalità enormi, wieħed jista’ jara b’għajnejh trabijiet li qatt ma jiġu miknusin minn għadd ta’ toroq. Residenti ilmentawli li għal żmien twil kienu ilhom ma jaraw kennies fit-triq tagħhom.
Wieħed jistaqsi: għandhom ċerti postijiet hekk imsejħin turistiċi jingħataw servizzi speċjali ta’ tindif? Speċjalment f’postijiet bħal Buġibba fejn fi żmien fejn għandek għadd ta’ bini jaqa’ jew jitla’ mill-ġdid, għandek it-turisti li suppost qegħdin jagħmlu s-‘sightseeing’ tagħhom?
Kollox ma’ kollox illum iddeċidejt li f’artiklu wieħed nelenka l-kullana ma taqta’ qatt ta’ ilmenti dwar it-toroq. Għażilt intenzjonalment li niffoka fuq problemi żgħar u li aktar milli jinteressaw lis-soċejtà inġenerali aktar jinteressaw lill-individwi. Dawn, però, daqs il-problemi l-kbar joħolqu tensjoni għaċ-ċittadin u sfiduċja fl-awtoritajiet u l-kunsilli. Forsi dawn ta’ l-aħħar jew entitatjiet rispettivi, li ħafna drabi se jifhmu aktar minn ħaddieħor għal-liema każi partikolari qed nirreferi, jerġgħu jirrevedu l-pjan finanzjarju u ta’ ħidma tagħhom għaż-żmien li ġej ħalli jimmiraw aktar biex jagħmlu r-residenti kuntenti b’deċiżjonijiet li jittrattaw is-simpatija tar-residenti aktar milli l-antipatija jew l-apatija.
www.lornavassallo.com
|