|
Jekk hawn xi ħaġa li tmur fejn tmur, fil-ħwienet, każini u postijiet oħrajn, issib lill-Maltin jitkellmu fuqha hi bla dubju ż-żieda fil-prezzijiet, ibda minn dawk ta’ l-oġġetti bażiċi u neċessarji bħall-ikel u ibqa’ sejjer sal-prezzijiet tal-proprjetà.
Dan biex ma nsemmux ix-’xokk’ li qegħdin jieħdu ħafna familji Maltin u Għawdxin hekk kif jirċievu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma bis-soprataxxa, li fl-aħħar jiem reġgħet żdiedet b’5 fil-mija biex telgħet għal 50 fil-mija.
Ma’ dan wieħed ma jridx jinsa l-prezz tal-fjuwil, b’mod partikolari dak tad-diżil li qed ikompli jispara ‘l fuq. Iż-żieda fil-prezzijiet, li f’ċerti negozji ħadet rankatura fl-aħħar xhur billi żiedu l-prezzijiet biex jilqgħu għad-dħul ta’ l-Ewro. Stħarriġ ta’ l-Ewrobarometru qiegħed juri li bħalissa l-aktar preokkupazzjoni tal-poplu Maltin hi l-inflazzjoni.
Fil-fatt mill-istħarriġ ta’ l-Ewrobarometru jirriżulta li 34 fil-mija tal-Maltin, żieda ta’ 6 fil-mija fuq l-istħarriġ li sar fil-ħarifa tas-sena 2006, jaraw l-għoli tal-prezzijiet bħala l-isfida l-aktar importanti li għandu l-pajjiż. Warajha tiġi l-immigrazzjoni bi 30 fil-mija, li tfisser tnaqqis ta’ 15 fil-mija fuq l-istħarriġ tal-ħarifa. Il-qgħad ukoll qiegħed jitqies bħala kwistjoni importanti b’25 fil-mija. Wara jiġu l-qagħda ekonomija b’16 fil-mija, l-enerġija b’16 fil-mija u l-kriminalità b’14 fil-mija.
Fil-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-Unjoni Ewropea, il-qgħad u l-kriminalità huma l-ogħla prijoritajiet li l-Ewropej jaraw li pajjiżhom għandu jindirizza.
Indikatur ieħor fl-istess stħarriġ li juri kemm il-Maltin u l-Għawdxin huma mħassbin dwar l-għoli tal-ħajja, hu fejn tidħol l-ispiża biex ngħixu meta mqabbel mal-pajjiżi Ewropej.
Għal din il-mistoqsija, 69 fil-mija jħossu li Malta hi agħar mill-pajjiżi Ewropej f’dan il-qasam. Tmienja fil-mija jaħsbu li l-pajjiżi Ewropej qegħdin agħar minn Malta rigward l-ispiża għall-għixien, waqt li 11 fil-mija jaħsbu li hi l-istess u 12 fil-mija ma jafux.
Il-prezzijiet ta’ l-enerġija
Fir-rigward tal-kwistjoni tal-prezzijiet ta’ l-enerġija naraw li l-Maltin ukoll huma pessimisti dwar il-qagħda f’Malta. 66 fil-mija tal-Maltin jaħsbu li f’dan il-qasam is-sitwazzjoni f’Malta hi agħar mill-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-Unjoni Ewropea, waqt li huma biss disa’ fil-mija li jaħsbu li hi aħjar. Tmienja fil-mija jaħsbu li hi l-istess u 17 fil-mija ma jafux.
Xogħol u mpjiegi
Il-mewġa ta’ sensji li laqtet lil pajjiżna fl-aħħar ġimgħat b’mod partikolari bl-għeluq tal-VF u l-ħaddiema mkeċċijin mill-Bortex, flimkien mal-problema biex studenti jsibu jaħdmu fil-qasam li jkunu studjaw għalih, irreflettiet f’dan l-istħarriġ. Fil-fatt 57 fil-mija tal-Maltin jemmnu li fil-qasam ta' l-impjiegi, pajjiżna qiegħed agħar mill-pajjiżi Ewropej. Għoxrin fil-mija jemmnu li ninsabu f’qagħda aħjar, waqt li 12 fil-mija jaħsbu li ninsabu fl-istess pożizzjoni tal-pajjiżi Ewropej.
Rigward l-aspettattivi f’dan il-qasam naraw li 31 fi-mija jaħsbu li l-qagħda tax-xogħol se tkun aħjar, waqt li 30 fil-mija jaħsbu li se tkun agħar. 25 fil-mija jaħsbu li se tibqa’ l-istess u 14 fil-mija ma jafux.
Pensjonijiet
Fejn jidħlu l-pensjonijiet naraw li anke f’dan il-qasam il-Maltin huma pessimisti. Hemm 49 fil-mija ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ li jemmnu li qegħdin f’pożizzjoni agħar mill-pajjiżi l-oħrajn Ewropej, waqt li 20 fil-mija jemmnu li qegħdin aħjar. Sebgħa fil-mija jħossu li s-sitwazzjoni hi identika u 24 fil-mija ma jafux.
Qasam tas-saħħa
Aspett li dawk li wieġbu l-istħarriġ jemmnu fil-maġġoranza li qegħdin aħjar mill-pajjiżi l-oħrajn Ewropej hu l-qasam tas-saħħa. 55 fil-mija jemmnu li ninsabu aħjar u 26 fil-mija jemmnu li qegħdin agħar.
Il-livell ta’ għixien
Skond l-istudju, 82 fil-mija tal-Maltin qalu li huma sodisfatti bil-ħajja li qegħdin jgħixu. Fl-Ewropa l-persentaġġ hu ta’ 80 fil-mija.
L-ekonomija
Jidher li hemm bilanċ ta’ l-opinjoni għal dak li qegħdin jaħsbu l-Matin dwar kif se tmur l-ekonomija f’dawn it-12-il xahar li ġejjin. Infatti 30 fil-mija jaħsbu li l-ekonomija Maltija se tkun aħjar, waqt li 26 fil-mija jaħsbu li se tkun agħar. 20 fil-mija tal-Maltin jaħsbu li se tibqa’ l-istess.
Il-qagħda finanzjarja personali
Dwar il-qagħda finanzjarja personali naraw li 18 fil-mija jaħsbu li l-qagħda finanzjarja tagħhom se tkun aħjar, waqt li 17 fil-mija jaħsbu li se tkun agħar. Meta komparat ma’ l-aħħar stħarriġ naraw li dawk li jaħsbu li se tmur aħjar żdiedu b’erbgħa fil-mija u dawk li se jmorru agħar żdiedu bi tmienja fil-mija. Dawk li wieġbu b’mod newtrali ammonta għal 59 fil-mija. Sitta fil-mija wieġbu li ma jafux x’se jiġri mill-qagħda finanzjarja tagħhom.
Trasport pubbliku
F’dan il-qasam 50 fil-mija tal-Maltin iħossu li s-servizz f’Malta hu agħar minn dak offrut fil-pajjiżi Ewropej. Huma 21 fil-mija li jemmnu li hu aħjar.
L-ambjent
Il-ħmieġ, telqa fl-ambjent ġenerali, nuqqas ta’ azzjoni biex jitnaqqas it-tniġġis u d-diversi kontroversji ambjentali li kellna fl-aħħar xhur u ġimgħat jista’ jkun li ħallew l-effett fuq l-opinjoni pubblika f’Malta, tant li f’dan l-istħarriġ jirriżulta li 73 fil-mija tal-Maltin jemmnu li l-ambjent f’Malta hu f’qagħda agħar minn dak tal-pajjiżi Ewropej.
Huma 15 fil-mija biss li jemmnu li l-ambjent hu f’qagħda aħjar f’Malta.
victorvella2002@yahoo.com
|